MESSAĠĠ MID-DIRETTUR

L-għotja tad-demm ilha titqies bħala l-att altruistiku li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura. Din id-donazzjoni altruista tgħin sa tliet pazjenti kull darba, għaliex id-demm sħiħ miġbur mid-donaturi tagħna mbagħad jinqasam fil-komponenti tiegħu. Madankollu, hemm tipi oħra ta’ donazzjonijiet. Bħala servizz, aħna wkoll niġbru, nipproċessaw, nittestjaw u naħżnu l-kornea għat-trapjant.

Hija l-viżjoni tal-NBTS li tevolvi u fis-snin li ġejjin għandna proġett ambizzjuż ippjanat biex nespandu l-faċilità attwali tagħna għall-ġbir tad-demm u biex nintroduċu servizzi ġodda li jappartjenu għall-ġbir u l-ħażna tat-tessuti u ċ-ċelloli. Kif forsi ftit jafu, l-istaff tagħna jikkonsisti minn taħlita ta’ speċjalitajiet, minn tobba u infermiera (it-timijiet tagħna li huma magħrufin mill-pubbliku) sa xjenzati tal-laboratorji mediċi (il-ħaġar moħbi tagħna). Huwa dan l-isforz konġunt li jiżgura s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tad-demm Malti.

Madankollu, ma nistgħux noperaw mingħajr ir-riżors ewlieni tagħna: id-donaturi prezzjużi tagħna. Ippermettuli nirringrazzja lid-donaturi tad-demm eżistenti kollha tagħna, talli l-ġenerożità tagħkom qed ssalva għadd ta’ ħajjiet kuljum. Għal dawk li għad iridu jsibu l-kuraġġ javviċinaw l-għoti tad-demm, nixtieq nassigurakom li t-tingiża tal-labra hija tassew vallapena. U nixtieq ngħid lil min ma jistax jagħti donazzjoni għal kwalunkwe raġuni, li xorta tista’ tgħin billi tħeġġeġ lil ħaddieħor jagħti d-demm u forsi anke tiffaċilita l-għoti tad-demm billi torganizza gruppi jew sessjonijiet ta’ donazzjoni fil-Mobile Unit

Nistennew bil-ħerqa li nilqgħukom ilkoll fid-diversi siti ta’ ġbir tagħna. Għalhekk, jekk jogħġbok agħtina daqqa t’id billi tagħtina driegħek u stagħti d-demm.

​Dr Monique A Debattista
Direttur Mediku | Persuna Responsabbli

MESSAĠĠ MILL-INFERMIER INKARIGAT TAŻ-ŻONA TAD-DONAZZJONI

Il-missjoni tas-Servizzi Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm huwa li jipprovdi provvista tad-demm adegwata u sigura li tissodisfa d-domanda tal-isptarijiet lokali. Klinikament, id-demm mogħti jintuża prinċipalment għal kirurġija, każijiet ta’ trawma maġġuri, pazjenti bil-kanċer li jeħtieġu l-kimoterapija u pazjenti bit-talassemija. Il-ħajja ta’ dawn il-pazjenti tiddependi ħafna fuq il-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tad-donaturi tad-demm.

Id-domanda kontinwa għad-demm, li qiegħda dejjem tikber, ħafna drabi toħloq sfidi iebsa biex l-NBTS iżomm ħażna adegwata tad-demm minkejja l-għotjiet ġenerużi tad-donaturi tagħna. Statistikament, huwa fatt magħruf li persentaġġ kbir tal-popolazzjoni Maltija b’saħħitha ma tagħtix id-demm. Għalhekk, dan huwa l-messaġġ tiegħi mmirat lejn dawn il-persuni. Tistenniex esperjenza personali biex issir taf li d-demm jista’ jsalva l-ħajja. Toqgħodx taħsibha biex tiġi u tagħti d-demm. Huwa att altruwist speċjali għalik innifsek u li jsalva l-ħajja għal ħadd ieħor.

Nixtieq intemm dan il-messaġġ billi nirringrazzja lid-donaturi kollha tad-demm u l-persuni kollha li kienu donaturi tad-demm, ir-rigal imprezzabbli li jsalva il-ħajja. Jien grat ukoll lejn dawk il-persuni li jippruvaw jagħtu d-demm iżda mhumiex eliġibbli.

Alexander Lautier
Infermier Inkarigat
a/Manager Servizzi ta’ Donazzjoni