Fi żmien il-​qedem il-​bnedmin żgur li rrealizzaw l-​importanza tad-​demm. Żgur li osservaw li t-telf tad-demm normalment iwassal għall-mewt. It-trasferiment tad-demm minn persuna għal oħra hija idea antika.

1492: L-ewwel trasfużjoni tad-demm ġiet irrappurtata. It-trasfużjoni saret fuq il-Papa Innoċenz VII f’Ruma. It-tobba tiegħu taw parir biex issir trasfużjoni tad-demm minn tliet individwi b’saħħithom bħala miżura terapewtika għall-marda tiegħu. Madankollu r-riżultat ta’ din it-trasfużjoni tad-demm ma rnexxiex u l-Papa miet ftit wara.

1628: William Harvey, tabib Ingliż skopra kif id-demm jiċċirkola madwar il-ġisem, bil-qalb tippompja d-demm fil-ġisem mill-arterji u d-demm jerġa’ lura lejn il-qalb mill-vini.

1665: Ġiet irreġistrata l-ewwel trasfużjoni tad-demm ta’ suċċess. L-esperimenti saru minn tabib Ingliż, Richard Lower, li għamel trasfużjoni tad-demm minn kelb għall-ieħor. Ħafna mill-klieb baqgħu ħajjin wara t-trasfużjoni.

1667: Richard Lower u Jean-Baptiste Denis irrappurtaw trasfużjonijiet ta’ suċċess mill-annimali għall-bnedmin. L-annimali użati inkludew in-nagħaġ u l-ħaruf. Madankollu, minħabba l-imwiet li ġew irrappurtati, fi żmien għaxar snin din il-prattika saret illegali u għall-150 sena ta’ wara ma ġew irreġistrati l-ebda studji dwar it-trasfużjoni tad-demm.

1795: Syng Physick għamel l-ewwel trasfużjoni tad-demm ta’ suċċess minn bniedem għal ieħor fl-Amerika; madankollu qatt ma ppubblika l-istudji tiegħu.

1818: Ġiet irreġistrata l-ewwel trasfużjoni ta’ suċċess. Din saret minn James Blundell, ostetriku Brittaniku, fuq omm li sofriet emorraġija wara t-twelid (dmija qawwija wara l-ħlas). Id-demm minn żewġha ttieħed b’siringa u ġie injettat b’suċċess fil-pazjent. Bejn l-1825 u l-1830 wettaq għaxra minn dawn it-trasfużjonijiet u ħamsa mill-pazjenti wrew benefiċċji kliniċi.

Matul it-trasfużjonijiet li saru fis-snin ta’ wara, kienu qed jiltaqgħu ma’ żewġ problemi. L-ewwel waħda kienet li ta’ spiss, id-demm jagħqad waqt il-proċedura, peress li l-ebda antikoagulanti (soluzzjoni li tinibixxi d-demm milli jagħqad) ma kienu qed jintużaw sas-sena 1914. It-tieni problema kienet li madwar nofs il-pazjenti trasfużi kellhom reazzjonijiet severi, li f’uħud minnhom dan wassal għall-mewt.

1900: L-avvanz l-aktar sinifikanti seħħ meta Karl Landsteiner, xjenzat Awstrijak, skopra tliet gruppi tad-demm uman. Dawn kienu l-gruppi tad-demm A, B u O. Għal din l-iskoperta huwa ngħata l-Premju Nobel għall-mediċina fl-1930.

1902: Żewġ studenti li ħadmu ma’ Karl Landsteiner skoprew ir-raba’ grupp tad-demm uman, il- grupp AB. Dawn l-istudenti kienu A. van Decastello u A. Sturli. Dawn l-erba’ gruppi tad-demm flimkien huma dak li llum nafu bħala s-sistema tal-gruppi tad-demm ABO.

1903: George Washington Crile beda juża t-trasfużjoni tad-demm regolarment fil-kirurġija. Aktar tard fl-1909, huwa adotta wkoll metodi għal cross-matching tad-demm. Mill-1914, huwa seta’ jistqarr li ‘it-trattament ideali għal xokk kirurġiku huwa t-trasfużjoni diretta tad-demm’.

1912: Roger Lee iddefinixxa t-termini ‘Donatur Universali’ u ‘Riċevitur Universali’. Huwa wera li d-demm tal-grupp O jista’ jiġi trasfuż f’pazjenti li għandhom xi wieħed mill-erba’ gruppi tad-demm, filwaqt li pazjenti tal-grupp AB jistgħu jirċievu demm minn-donaturi mill-erba’ gruppi tad-demm.

1914: Kif semmejna qabel, kienu qed jiġu introdotti diversi antikoagulanti.

1916: Francis Rous u JR Turner introduċew soluzzjoni taċ-ċitrat-glukożju, li ġiet miżjuda mad-demm miġbur. Dan ippermetta li d-demm jinħażen f’kontenituri u jitkessaħ għal diversi jiem qabel ma jiġi trasfuż. Fis-snin ta’ wara bdew jiġu introdotti stabbilimenti fejn kien jinġabar u jinħażen id-demm.

1925: Waqt li Karl Landsteiner kien qed jaħdem f’ New York skopra żewġ sistemi oħra tal-gruppi tad-demm, is-sistemi tal-gruppi tad-demm MN u P.

1926: Ir-Red Cross Ingliż waqqaf l-ewwel servizz ta’ trasfużjoni tad-demm uman fid-dinja.

1932: L-ewwel maħżen tad-demm ġewwa sptar, li aktar tard ġie msejjaħ ‘Blood Bank’, ġie introdott fl-Isptar ta’ Leningrad, ir-Russja.

1935: Matul din is-sena, twaqqfet is-Soċjetà Internazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm (ISBT).

1936: L-ewwel flixkun tad-demm vakwu ġie kkummerċjalizzat minn Hyland.

1937: It-terminu ‘Bank tad-Demm’ ġie introdott minn Bernard Fantus, li stabbilixxa l-ewwel Bank tad-Demm fl-Isptar ta’ Cook County f’Chicago, 5 snin wara r-Russja. Fis-snin ta’ wara l-Banek tad-Demm infirxu madwar l-Istati Uniti.

1939: Għalkemm l-iskoperta tas-sistema tal-grupp tad-demm ABO naqqset b’mod drammatiku n-numru ta’ mwiet wara trasfużjoni tad-demm, kienu qed jiġu osservati diversi reazzjonijiet oħra ta’ trasfużjoni (bħad-deni). Dawn kienu kkawżati minn sistemi oħra tal-gruppi tad-demm, li kienu għadhom iridu jiġu skoperti. L-aktar importanti minn dawn is-sistemi kienet is-sistema Rhesus (RH). Din l-iskoperta saret minn Philip Levine u R.E. Stetson fl-1939. Huma osservaw li wara li omm welldet tarbija mwielda mejta u sussegwentement ġiet trasfuża bid-demm ta’ żewġha, hija sofriet reazzjoni severa għad-demm tiegħu. Kemm l-omm, kif ukoll ir-raġel kienu tal-grupp O. Iż-żewġ xjentisti spjegaw il-preżenza ta’ fattur ġdid bħala l-kawża; madankollu ma ngħatalu l-ebda isem.

1940: L-isem ingħata minn Karl Landsteiner u Alex Weiner. Mexxew studju li fih injettaw demm mix-xadina ‘Maccacus rhesus’ fil-fniek u l-fniek tal-Indi. Imbagħad inġabar id-demm mill-fniek u l-fniek tal-Indi u s-serum (il-likwidu li fih jiċċirkolaw iċ-ċelluli ħomor tad-demm), li kien fih il-fattur anti-Rh (proteina li teħel mal-antiġen rhesus), tħallat maċ-ċelloli ħomor tad-demm minn għadd ta’ kampjuni minn individwi ta’ popolazzjoni ta’ New York. Iċ-ċelluli ħomor tad-demm minn 85% ta’ din il-popolazzjoni agglutinaw (massa ta’ ċelluli tad-demm) ma’ dan is-serum. Din il-popolazzjoni kienet imsejħa Rhesus pożittiv. Il-15% li kien fadal li ma kellhom l-ebda agglutinazzjoni ssejħu Rhesus negattiv. Sistemi importanti oħra ta’ gruppi tad-demm ġew skoperti matul is-snin ta’ wara.

Edwin Cohn, xjenzat Amerikan, żviluppa frazzjonament tal-etanol kiesaħ li huwa l-proċess fejn il-plażma jitkisser f’komponenti u prodotti. Albumin, gamma globulin u fibrinogen ġew iżolati u saru disponibbli għall-użu kliniku. Teknika għall-preservazzjoni fit-tul tal-plażma tad-demm billi tissepara ċ-ċelluli ħomor likwidi tad-demm mill-plażma kważi solida u l-iffriżar tat-tnejn separatament, ġiet ukoll dokumentata minn Charles Drew, tabib Amerikan, matul din is-sena. Il-krijopreservazzjoni ppermettiet li d-demm jiġi ppreservat u rikostitwit f’data aktar tard.

Matul din is-sena twaqqfu Servizz ta’ Trasfużjoni tad-Demm tal-Armata (ABTS) u depot tat-tagħmir – id-Depot tal-Provvista tad-Demm tal-Armata (ABSD). Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Uffiċċju tal-Gwerra fil-Gran Brittanja fejn ġie deċiż ukoll li kull membru tal-Forzi HM jitpoġġa fi grupp skond d-demm u anke biex jingħata t-tagħmir meħtieġ lill-unitajiet mediċi kollha biex isiru sessjonijiet ta’ donaturi barra mil-laboratorju, waqt li jkunu involuti fi ġlied jew manuvri sabiex jinkiseb demm fejn ikun meħtieġ u b’ dewmien minimu.

1943: Soluzzjoni tal-aċidu citrate dextrose (ACD), li jnaqqas il-volum ta’ antikoagulant, li jippermetti trasfużjonijiet ta’ volumi akbar tad-demm u ħażna tad-demm fit-tul, ġiet introdotta minn J Loutit u PL Mollison, f’Londra matul din is-sena.

Xi xhur wara Paul Beeson, tabib Amerikan, ippubblika r-rabta bejn it-trasfużjoni tad-demm u l-okkorrenza tas-suffejra: deskrizzjoni klassika tal-epatite trasmessa mit-trasfużjoni.

1950: In-numru ta’ banek tad-demm kien qed jiżdied madwar id-dinja. Fl-Istati Uniti biss in-numru ta’ banek tad-demm fl-isptarijiet laħaq 1500. Matul din is-sena wieħed mill-aktar żviluppi tekniċi importanti fil-banek tad-demm ġie introdott minn Carl Walter u W.P. Murphy Jr. Huma introduċew il-boroż tal-plastik għall-ġbir tad-demm, li ħadu post il-fliexken tal-ħġieġ, li setgħu jitkissru, li kienu qed jintużaw qabel.

Ir-riċerka xjentifika li saret fil-ħamsin sena ta’ wara rrevoluzzjonat is-servizzi tat-trasfużjoni tad-demm. Kienu qed jiżviluppaw kunċetti ġodda u tekniki importanti, li kollha wasslu lill-banek tad-demm lejn sistema li qieset is-sigurtà kemm tad-donaturi tad-demm kif ukoll tal-pazjenti li jirċievu d-demm tagħhom.

1954: Ġie żviluppat prodott tad-demm, il-Cryoprecipitate, għal dawk li jsofru mill-emofilja.

1960: L-ewwel proċedura terapewtika tal-plażmafereżi ġiet irrappurtata minn Alan Solomon u John L Fahey, tobba Amerikani.

1961: Ġie rikonoxxut li l-konċentrati tal-plejtlits inaqqsu l-mortalità mill-emorraġija f’pazjenti bil-kanċer.

1965: It-tabiba Amerikan Judith Graham Pool identifikat teknika magħrufa bħala krijopreċipitazzjoni biex tikkonċentra l-fattur VIII mill-plażma tad-demm.

1967: Rh immunoglobulina ġiet introdotta biex tipprevjeni l-marda Rh fit-trabi tat-twelid ta’ nisa li kienu Rh-negattiv.

1969: Il-possibbiltà tal-ħażna tal-plejtlits f’temperatura ambjentali ntweriet minn Scott Murphy u Frank H Gardner, xjenzati Amerikani, teknika li rrevoluzzjonat it-terapija tat-trasfużjoni tal-plejtlits.

1970: Il-banek tad-demm bdew jiġbru d-demm mingħand il-voluntiera. Ġiet introdotta għażla bir-reqqa tad-donaturi u l-ittestjar tad-demm għal mard trasmess mit-trasfużjoni, li wassal għal numru iżgħar ta’ każijiet ta’ kontaminazzjoni bl-Epatite B, iżda ġie skopert virus ġdid – l-Epatite Ċ.

1971: Inbeda l-ittestjar tas-surface antigen tal-epatite B (HBsAG) fuq demm miġbur għat-trasfużjoni.

1972: L-aferesi bdiet tintuża biex jiġi estratt komponent ċellulari wieħed filwaqt li l-bqija tad-demm jiġi rritornat lura lid-donatur.

1979: Minħabba l-fatt li l-banek tad-demm kienu qed jiġbru d-demm mill-voluntiera u minħabba li d-domanda għad-demm kienet dejjem qed tikber, diversi banek tad-demm bdew ibatu minn nuqqas fil-provvista tad-demm tagħhom u ma kinux qed ilaħħqu mad-domanda. Għalkemm din il-problema għadha teżisti llum l-iskoperta ta’ preservattiv antikoagulant ġdid, CPDA-1, li estenda l-preservazzjoni tad-demm għal 35 jum, naqqset din il-problema.

1981: Ġew skoperti l-ewwel każijiet tas- Sindromu ta’ Defiċjenza Immunitarja Akkwistata (AIDS).

1982: Ġie ppreżentat dokument minn Bruce Evatt, tabib Amerikan, li ssuspetta li l-AIDS hija marda li toriġina fid-demm wara l-iskoperta tas-sindromu fost dawk li jbatu mill-emofilja.

1983: It-tul ta’ żmien li fih iċ-ċelloli ħomor jistgħu jintużaw żdiedet għal 42 jum meta ġie introdott addittiv ġdid, SAG-M.

1985: L-ewwel test tal-antikorpi għall-HIV ġie implimentat malajr mill-banek tad-demm kollha biex jipproteġu lill-pazjenti minn infezzjonijiet ta’ dan il-virus.

1987: Ġew introdotti testijiet tal-antikorpi tal-parti ċentrali tal-epatite B (anti-HBc) u t-test tal-alanine aminotransferase (ALT).

1989: Ġie introdott l-ittestjar tal-antikorpi T Lymphotropic Virus I (anti-HTLV-I).

1990: Ġie introdott l-ittestjar għall-Epatite Ċ. Fis-snin ta’ wara ġew implimentati testijiet oħra u t-tekniki tal-ittestjar tjiebu u naqsu r-riskji ta’ mard trasmess permezz tat-trasfużjonijiet tad-demm.

1992: Twaqqfet L-Iskola Ewropea tal-Mediċina tat-Trasfużjoni (ESTM) li hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ taħt il-liġi Taljana. L-ESTM enfasizzat il-ħtieġa għal armonizzazzjoni akbar fit-tagħlim tal-Mediċina tat-Trasfużjoni madwar l-Ewropa u anke madwar id-dinja.

1993: Ġiet ippubblikata l-ewwel edizzjoni tal – ‘Linji Gwida għall-Valutazzjoni Medika ta’ Donaturi tad-Demm’.

1996: Ġie introdott l-ittestjar tal-antiġen tal-HIV. Varjant tal-Marda Creutzfeldt-Jakob (vCJD) ġie identifikat. Id-dejta klinika, epidemjoloġika, newropatoloġika u sperimentali kollha tindika li l-varjant ta’ CJD huwa kkawżat mill-istess tip ta’ prion bħall-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE). Din hija razza differenti ta’ prion minn dawk li dehru f’CJD sporadiku.

1998: L-EBA twaqqfet fil-21 ta’ Settembru ta’ din is-sena u kwalunkwe servizz nazzjonali tad-demm f’pajjiż Ewropew, ibbażat fuq donazzjoni tad-demm volontarja u bla ħlas setgħu jkunu membri.

L-EMEA ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Pożizzjoni tas-CPMP dwar il- Varjant Ġdid tal-Marda Creutzfeldt-Jakob (CJD) u Prodotti Mediċinali Derivati mill-Plażma.

1999: Jiġi introdott l-ittestjar tat-teknoloġija tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nukleiku (NAT). L-ittestjar NAT jiskopri viruses fl-istadji bikrija tagħhom u jiżgura li t-trasfużjoni tad-demm tkun saħansitra aktar sigura.

2003: L-EMEA ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Pożizzjoni tas-CPMP dwar il-Marda ta’ Creutzfeldt-Jakob (CJD) u Prodotti Mediċinali Derivati mill-Plażma u Derivati mill-Awrina.

Direttiva Ewropea dwar id-demm (Direttiva 2002/98/KE) era ġdida għar-regolamenti tad-demm (Mediċina tat-Trasfużjoni 2004 pg257).

2004: Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/33/KE nħarġet biex timplimenta d-Direttiva 2002/98/KE.

2005: Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa Identifikati Reċentement u Emerġenti (SCENIHR) ħareġ opinjoni aġġornata dwar Is-Sigurtà tad-Demm u l-Organi Umani fir-rigward tal-Virus tan-Nil tal-Punent.

2006: L-EMEA ħarġet Dokument kunċettwali dwar ir-Reviżjoni tan-Nota ta’ Gwida fi Prodotti Mediċinali Derivati mill-Plażma.

2009: L-EBA ħabbret is-Simpożju tal-10 Anniversarju tagħha, Demm Sikur għall-Ewropa, li sar f’Brussell. Matul il-Laqgħa tal-Bord tal-EBA li saret f’Mejju, l-EBA ffinalizzat Dokument ta’ Pożizzjoni dwar il-Kompetizzjoni fis-Suq Ewropew tad-Demm.

F’Settembru tal-istess sena, l-EBA kienet mitluba mill-Kummissjoni Ewropea (KE) għal data dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Istabbilimenti tad-Demm biex jitnaqqas l-impatt possibbli tal-Influwenza A/H1N1 fuq il-Provvista tad-Demm fl-Ewropa. Din l- informazzjoni nġabret minn fost il-membri tal-EBA. Dokument ta’ Ppjanar dwar l-Influwenza Pandemika ġie offrut mill-EBA li huwa eżempju mill-aqwa ta’ kif Organizzazzjoni tad-Demm tista’ tħejji ruħha f’każijiet ta’ okkorrenza ta’ pandemija. Waqt il-laqgħa tagħha l-membri tal-bord tal-EBA qablu dwar Dokument ta’ Pożizzjoni li jappoġġja l-Għoti Volontarju tad-Demm Mhux Remunerat.

2010: L-Alleanza Ewropea tal-ME (EMEA) qed tappella lill-ministri tas-saħħa tal-Ewropa biex jibdew projbizzjoni immedjata madwar l-Ewropa kollha tad-donazzjoni tad-demm minn nies li ġew iddijanjostikati b’enċefalomielite mialġika (ME/CFS).

Il-laqgħa tal-Bord tal-EBA ta’ din is-sena li saret fil-Belt Valletta, Malta, ivvota u ħarġet Position Paper li tappoġġja l-użu universali tat-tikkettar, kodifikazzjoni u identifikazzjoni tal-ISBT 128 tad-demm, komponenti tad-demm, tessuti u ċelloli.

2011: Id-WHO ħarġet skeda informattiva dwar is-sigurtà tad-demm li tiddeskrivi s-sitwazzjoni globali dwar id-donazzjoni tad-demm u t-trasfużjoni.

llum, l-esperimenti u l-metodi li kienu jintużaw fil-passat jistgħu jidhru mhux raffinati; madankollu huwa grazzi għal dawn ir-riċerkaturi, li lħaqna l-istandards siguri li għandna llum. L-unika ħaġa li qatt ma nbidlet matul is-snin hija l-importanza tad-demm.