1952

Id-Dipartiment tat-Trasfużjoni tad-Demm ħa ħsieb għal 350 trasfużjoni fl-Isptar San Luqa. F’każijiet ġinekoloġiċi, trasfużjonijiet tad-demm kienu saru il-prattika segwita ta’ qabel l-operazzjoni għal pazjenti b’livelli ta’ emoglobina taħt is-70%.

1953

Ġie propost li jintbagħat tabib sal-Renju Unit għal kors ta’ taħriġ fix-xogħol u l-amministrazzjoni tat-Trasfużjoni tad-Demm.

1954

It-Tabib F. T. Pullicino nħatar Uffiċjal tat-Trasfużjoni tad-Demm fid-Dipartiment tal-Mediċina u tas-Saħħa b’ seħħ mit-12 ta’ Diċembru 1954 b’perjodu ta’ prova ta’ sena.

1955

Il-Gvernatur għoġbu jikkonferma lit-Tabib F.T. Pullicino fil-ħatra tiegħu bħala Uffiċjal tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Matul din is-sena, in-numru ta’ pazjenti li kellhom bżonn trasfużjoni kien ta’ 633 u nħarġu 898 flixkun tad-demm. Saru 212-il grupp tad-demm fl-Isptar tar-Rabat, Għawdex.

1956

It-trasfużjoni tad-demm kienet waħda mill-fergħat tad-Dipartiment tal-Patoloġija. F’Ottubru ta’ din is-sena ġie rilokat fl-ewwel sular tad-dipartiment tal-outpatients fl-Isptar San Luqa, sabiex ikun hemm akkomodazzjoni spazjuża għall-fergħat kollha tal-patoloġija kif ukoll akkomodazzjoni adegwata għat-transfużjoni stess. Sa dan iż-żmien, il-Blood Transfusion Unit kellha Uffiċjal wieħed biss tat-Trasfużjoni tad-Demm u wieħed Staff Registered Nurse.

1958

Ir-rapport annwali tad-Dipartiment tal-Mediċina u s-Saħħa ta’ din is-sena (D.O.H. Rapporti Annwali dwar il-Kundizzjonijiet tas-Saħħa tal-Gżejjer Maltin u dwar ix-xogħlijiet tad-Dipartiment Mediku u tas-Saħħa għas-sena 1958) iddikjara li “L-investigazzjonijiet tal-grupp tad-demm komplew b’pass akbar u x’aktarx li l-futur juri li huma skoperti importanti, speċjalment fil-qasam ġenetiku; għal skopijiet ta’ rutina fl-isptar tagħna konna aktar iffukati bit-trasfużjonijiet, li l-utilità tagħhom hija mingħajr dubju.

Fil-qasam kliniku, żieda fl-irfinar tat-teknika għenet ħafna biex tnaqqas il-periklu tat-trasfużjoni u biex tkun tista’ tissodisfa t-talbiet tat-tabib u l-kirurgu li kienu qegħdin dejjem jiżdiedu u jsiru aktar stretti. Talbiet bħal dawn jeħtieġu provvista kostanti ta’ demm u huwa f’dan ir-rigward li ltqajna ma’ diffikultajiet frekwenti. L-uffiċjal tat-trasfużjonijiet tad-demm fl-isptar tagħna għandu lista ta’ donaturi tad-demm iżda mhux dejjem kienu disponibbli.

Ħafna drabi l-voluntiera u l-ħbieb kienu jersqu biex jagħtu d-demm għal xi pazjent partikolari iżda f’xi okkażjonijiet l-ħażniet tad-demm kienu eżawriti. Meta ġara dan ħafna drabi stajna niġbdu provvisti mill-Isptarijiet tal-Armata fuq ftehim reċiproku. Jista’ jingħad li matul is-sena l’ ebda pazjent li kellu bżonn trasfużjonijiet tad-demm ma tħalla mingħajru. Il-pubbliku qed jirrealizza bil-mod il-mod il-ħtieġa tad-donaturi tad-demm u huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-kuxjenza pubblika qed titqajjem u qed tiġi ffurmata fehma aktar ġeneruża ta’ dan il-ġest altruistiku.

Matul din is-sena d-dipartiment tat-trasfużjoni tad-demm ittratta 890 talba u nħarġu 989 flixkun. L-ittestjar rutina tad-demm ta’ qabel it-twelid inbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Saru 201 Blood grouping fl-Isptar tar-Rabat, Għawdex.

1961

Id-Dipartiment tat-Trasfużjoni tad-Demm ittratta 777 talba għal trasfużjonijiet tad-demm u nħarġu 1,295 flixkun matul is-sena taħt reviżjoni . Matul din is-sena kien hemm uffiċjal wieħed biss tat-trasfużjoni tad-demm.

1964

Il-grupp tad-demm minn 920 pazjent li gew ittestjati kien:-
O – 40%; A- 47.5%; B – 9%; AB – 3.5%
Rhesus Pożittiv (+) – 89.5% Rhesus Negattiv (-) – 10.5%

Matul is-sena msemmija kien hemm 923 talba għal trasfużjoni tad-demm u ntużaw 1,388 flixkun.

1967

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta ddeċidiet li tistabbilixxi servizz ta’ trasfużjoni tad-demm u bank tad-demm. F’rapport li ngħata lit-Times of Malta, fit-28 ta’ Diċembru, 1967, intqal ukoll li d-demm kellu jingħata mingħajr ħlas lil dawk kollha li kellhom bżonnu.

1968

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovran ħabbret li l-bini tagħha kellu jiġi inawgurat uffiċjalment f’Ġunju. Kellhom jagħmlu wkoll kampanja sabiex jirreklutaw donaturi bl-isem ‘Importanti ħafna li kull persuna tkun taf it-tip ta’ demm tagħha’, (Times of Malta, 5 ta’ Jannar, 1968).

It-twaqqif ta’ bank tad-demm mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta (settur privat) intlaqa’ bi kritika kawta minħabba l-biża’ li naħlu r-riżorsi limitati tagħna. Dan kien irrappurtat mit-Times of Malta, fis-27 ta’ Jannar 1968.

Opinjoni tad-donaturi tad-demm mogħtija meta sistema ta’ bank tad-demm kienet se tasal Malta. L-artiklu ta wkoll ideat dwar kif għandu jopera l-bank, li kien se jkun fl-Isptar San Luqa. Dawn l-ittri u artikli juru l-interess u l-għarfien kbir tal-poplu Malti fl-għotjiet tad-demm. Ġiet ippreżentata wkoll silta mit-talba komposta mill-Papa Ġwanni XXIII għad-donaturi tad-demm:- “…Id-dieqa ta’ min ibati, Intom ħutna u aħna, ħeġġiġna biex nagħtu ftit minn demmna biex il- qawwa tas-saħħa tkun tista’ terġa’ lura imma aħna nixtiequ li dan ir-rigal jiġi ppreżentat Lilek li xerridt d-Demm prezzjuż tiegħek għalina…” (Times of Malta, 02 ta’ Frar, 1968).

It-Tabib Roy Schembri Wismayer M.D.inħatar Reġistratur tal-Patoloġija u Trasfużjoni tad-Demm b’effett mis-16 ta’ Marzu, 1968.

Fl-14 ta’ Ġunju, L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovran ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta bil-kooperazzjoni tal-Katidral ta’ Malta fetħet uffiċjalment il-Bank tad-Demm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Assoċjazzjoni lokali tal-Ordni fi Triq Sant’Ursola, il-Belt Valletta. Kelliem għall-assoċjazzjoni qal:- “Il-Bank tad-Demm għandu jkun ta’ għajnuna kbira għan-nazzjon u jikkostitwixxi serħan konsiderevoli għat-tagħbija tal-ħtieġa pubblika li l-Gvern irid jiffaċċja bħalissa”. Ingħata wkoll ġieħ lill-Grazzja Tiegħu l-Arċisqof Mons. M. Gonzi mill-Għaqda, għall-idea tiegħu li jwaqqaf il-bank tad-demm (Times of Malta 15 ta’ Ġunju 1968).

Il-Gvernatur Ġenerali, Sir Maurice Henry Dorman kien l-ewwel donatur tad-demm fl-Ordni Militari Sovran tal-bank tad-demm ta’ Malta u kien jgħin ukoll billi jħeġġeġ lil nies oħra biex jagħtu d-demm fil-bank tad-demm li kien għadu kif infetaħ (Times of Malta, 13-17 Awwissu, 1968).

1969

Fl-1 ta’ Mejju l-Arċisqof Mons. Gonzi flimkien mad-direttur tal-Ordni Militari Sovran tal-Bank tad-Demm Malti, it-tabib P. Farrugia, waslu Malta wara udjenza mal-Papa li wera interess fil-bank tad-demm u tahom parir biex jespanduh. Il-Qdusija Tiegħu ta l-barka tiegħu lid-donaturi kollha tad-demm (Times of Malta, 1 ta’ Mejju, 1969).

Matul l-istess sena, staff riporter stqarr li kienet ġurnata impenjattiva għall-bank tad-demm, meta d-domanda qabżet il-provvista. Żewġ gruppi ta’ donaturi taw id-demm biex jimlew il-provvisti li l-Bank iqassam lill-isptarijiet u l-kliniċi f’Malta. Grupp ta’ 10 studenti mill-Kulleġġ ta’ Taħriġ San Mikiel immexxija minn Brother Ralph filgħodu marru sal-bank tad-demm biex jagħtu d-demm.

Imbagħad wara nofsinhar 50 baħri mill-frejgati tal-Flotta Taljana li kienu fil-port ta’ Malta, “Bergamini” u “Morgottini” u s-sottomarin “Cappellini’’, taw 25 litru ta’ demm. Id-direttur tal-bank tad-demm it-Tabib P. Farrugia lbieraħ qal li d-demm kollu pprovdut mill-bank huwa kompletament ipproċessat u skrinjat għal ċertu mard speċifiku kif hu mitlub mir-regolamenti standard internazzjonali għall-banek tad-demm.

It-Tabib Farrugia li kien ikun preżenti fil-Bank tad-Demm biex jirċievi d-demm, kien assistit mit-Tabib C. Vella u t- Tabib E. Stillon (Times of Malta, 14 ta’ Novembru, 1969).

Il-bank tad-demm kien jagħti rapport dettaljat dwar kif id-demm kien jinġabar u jiġi pprovdut, (Times of Mata, 18 ta’ Novembru, 1969).