Bħas-sena ta’ qabel, l-2021 uriet li kienet waħda ta’ sfida minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li ħalliet impatt fuq is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, fejn kien aktar diffiċli biex jiġu reklutati donaturi minħabba l-inċertezzi u l-biża’ li ġabet magħha din il-pandemija. L-NBTS għen fir-reklutaġġ ta’ donaturi għall-istudju COVPLEX li sar mill-Università ta’ Malta fuq l-ittestjar għall-antikorpi tal-Covid-19. L-infermiera tal-NBTS ikkontribwixxu wkoll għar-rollout tal-vaċċin tal-Covid-19, fejn ġew amministrati 26,689 vaċċin.

Il-Premju tal-Kwalità miksub fl-2020 inżamm b’suċċess matul din is-sena permezz ta’ serje ta’ eżerċizzji ta’ mystery shopper u laqgħat/pjanijiet ta’ azzjoni oħra fejn twettqu rakkomandazzjonijiet, inkluż l-installazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Kju.

Matul il-ġimgħa tas-servizz pubbliku l-Kap tas-Servizz Ċivili, s-Sur Mario Cutajar, żar l-NBTS għall-iffirmar tal-istandards ta’ kwalità.

L-islogan tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm ta’ din is-sena kien ‘Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat’. Dan il-messaġġ enfasizza l-kontribut speċjali li jagħtu d-donaturi tad-demm biex id-dinja tibqa’ tħabbat billi jsalvaw l-ħajja u jtejjbu s-saħħa tal-pazjenti.

Minħabba l-pandemija, iċ-ċerimonja “Ħajr għad-Donaturi tad-Demm”, li normalment tiġi organizzata għall-WBDD, kellha tiġi kkanċellata. Madankollu, il-faċċata tat-3 Palazzi Presidenzjali, il-Pontijiet tal-Marsa, il-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali, Villa Bighi, il-Funtana tat-Tritoni, il-bini amministrattiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex ġew imdawwla bl-aħmar. L-iskop primarju ta’ dan il-ġest kien li jirringrazzjaw lid-donaturi kollha tad-demm u wkoll li jkomplu jqajjmu aktar kuxjenza dwar il-ħtieġa kostanti għad-donazzjonijiet tad-demm. Fl-14 ta’ Ġunju, l-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta Dr George Vella u l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ppubblikaw messaġġi bil-vidjo relatati mal-Jum Dinji tad-Donatur tad-Demm. Barra minn hekk, filgħaxija, kien ipproġettat spotlight ikkulurit u spettaklu ta’ dawl bil- lejżer quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru ta’ Malta Dr Robert Abela.

Matul din is-sena, il-maniġer taż-Żona tad-Donazzjoni, is-Sur Angelo Degiorgio irtira wara 20 sena servizz fl-NBTS.