Dak li tista’ tagħti?

Meta xi ħadd isemmi l-għoti tad-demm, is-soltu dak li naħsbu fih l-ewwel huwa l-għoti tad-demm sħiħ li hija l-aktar tip ta’ donazzjoni komuni li ssir fiċ-ċentri tal-ġbir tad-demm. Iżda interessanti tkun taf li hemm tipi oħra ta’ donazzjonijiet li nsejħulhom aphaeresis.

Id-demm sħiħ, kif preżenti fil-vini, jinġabar mid-donatur u aktar tard jiġi pproċessat u separat fi prodotti/komponenti differenti fil-laboratorji tal-ipproċessar.

Hemm raġunijiet differenti għaliex wieħed jagħti d-demm sħiħ. Normalment id-donazzjonijiet tad-demm huma miżjuda mal-provvista ta’demm eżistenti u disponibbli faċilment għall-pazjenti, oħrajn jistgħu jagħżlu li jagħtu donazzjonijiet awtologi u diretti.

Apheresis hija kelma Griega li tfisser ‘estratt’. Il-proċess ta’ aferesi jinvolvi l-estrazzjoni ta’ komponent tad-demm (komponent jirreferi għal parti mid-demm sħiħ eż. ċelluli ħomor, platelets, plażma) permezz ta’ magna speċjali, b’hekk id-donatur jagħti biss komponent wieħed partikolari tad-demm tiegħu/tagħha.

Donaturi partikolari biss jistgħu jagħtu prodotti speċifiċi tad-demm u l-istaff tal-NBTS jagħżilhom bir-reqqa minn fost id-donaturi regolari.

Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ aferesi; plasmapheresis li hija l-estrazzjoni tal-plażma u cytapheresis li hija l-estrazzjoni ta’ xi tip ta’ ċellula. Fiċ-ċentri tad-donazzjoni tagħna nagħmlu biss il-ġbir tal-platelets.

Demm Sħiħ – Ħażna tal-Bank tad-Demm

Donazzjoni ta’ demm sħiħ hija meta persuna tagħti t-tipi differenti kollha ta’ ċelluli li jikkostitwixxu d-demm tagħna. Dan huwa l-aktar tip komuni ta’ donazzjoni. Id-demm li jinġabar jitqiegħed fil-banek tad-demm (pool), u eventwalment jiġi fornut lil diversi sptarijiet.

Donazzjoni Awtologa (Meta persuna tagħti demm li jkun riservat għalih innifsu)

Meta persuna ssir taf li tkun se tagħmel operazzjoni elettiva u se jkollha bżonn id-demm, wieħed jista’ jistaqsi dwar il-proċedura biex jagħti d-demm lilu nnifsu. Din il-proċedura teħtieġ li l-persuna tkun eliġibbli biex tagħti d-demm skont ir-rekwiżiti normali. Dan ifisser li għalkemm il-persuna tkun qed tagħti d-demm għaliha nnifisha, il-prinċipji għall-għoti tad-demm se jkunu l-istess bħal meta donatur regolari jagħti d-demm. Għalhekk, donatur awtologu jista’ jitqies bħala ineliġibbli biex jagħti d-demm bħal kull donatur ieħor anki jekk jagħti donazzjoni għalih innifsu.

Minn ħames ġimgħat qabel l- operazzjoni, il- pazjent għandu jiddiskuti mal- konsulent li ser iwettaq il- proċedura jekk jaqbilx jew le li għandha tittieħed donazzjoni awtologa. Jekk il-konsulent jaqbel, għandu jimla formola li tista’ tinkiseb miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jew titniżżel onlajn. Minkejja dan, trid issir diskussjoni dettaljata dwar il-proċedura u d-deċiżjoni finali tittieħed BISS mit-tabib li jeżamina lill-persuna qabel l-għoti tad-demm. Fil-każ li l-pazjent ma jkunx jeħtieġ trasfusjoni waqt l-operazzjoni, dak id-demm ma jistax jintuża għal xi ħadd ieħor peress li ġie meħud strettament bħala awtologu.

Donazzjoni Diretta (Donazzjoni maħsuba biex tingħata lil pazjent speċifiku u mhux għad-donatur innifsu)

Servizz ieħor li joffri ċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm (għalkemm mhux rakkomandat), huwa dak tal-għoti tad-demm lil xi ħadd speċifiku.

Din il-proċedura mhix rakkomandata peress li ġie skopert, minn diversi studji, li dan it-tip ta’ donazzjoni tpoġġi lill-pazjent f’riskju akbar minn donazzjonijiet regolari. Barra minn hekk, meta jittieħed demm mingħand qraba familjari, eż. ġenituri jew aħwa, dan id-demm irid jgħaddi minn ċertu ammont ta’ radjazzjoni biex ikun żgurat li ċ-ċelluli bojod kollha jinqerdu. Dan huwa importanti sabiex jiġu evitati ċerti reazzjonijiet waqt it-trasfużjoni. Din tissejjaħ GRAFT VERSUS HOST DISEASE.

Meta ssir dan it-tip ta’ donazzjoni, id-demm ikun riservat għal pazjent speċifiku, u b’mod simili għall-proċedura msemmija qabel, id-demm ma jistax jintuża fuq xi ħadd ieħor, anke jekk il-pazjent ma jkunx jeħtieġ it-trasfużjoni.

F’dawn il-każijiet, huwa importanti li l-pazjent jagħti l-kunsens li hu/hi jaċċetta d-demm mingħand dawn id-donaturi bir-riskji potenzjali kollha. Il-formola tal-kunsens tista’ tinkiseb miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jew tista’ titniżżel minn hawn. Huwa importanti li dawn id-donaturi jiġu f’dan iċ-Ċentru mill-inqas ġimgħa qabel id-donazzjoni.

Għalkemm pazjent jiffirma li jaċċetta li jirċievi d-demm mingħand dawn il-persuni partikulari, id-donaturi xorta jridu jgħaddu mill-proċeduri kollha bħallikieku kienu donaturi regolari, li jfisser li jridu jgħaddu mill-kwestjonarju u t-tabib taċ-Ċentru li jeżaminhom irid jiddeċiedi jekk id-donazzjoni għandhiex issir jew le.

Plasmapheresis

L-NBTS jaħsad il-plażma mid-donazzjonijiet tad-demm sħiħ, fejn il-plażma tiġi estratta fil-laboratorji. Il-plasmapheresis hija proċedura oħra li biha l-plażma (biss) tiġi estratta/ mogħtija permezz ta’ magna speċjalizzata u mbagħad ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar ipproċessar. Din l-aħħar tip ta’ donazzjoni dalwaqt se tiġi implimentata biex tinġabar ‘il-“Plażma Konvalexxenti tal-COVID-19” – COVID-19 Convalescent Plasma’ (CCP) -minn dawk in-nies li fiequ minn din l-infezzjoni. Din id-donazzjoni se tintuża għall-kura ta’ pazjenti b’sintomi severi ta’ COVID-19.

Plateletpheresis

L-aktar tip importanti ta’ aferesi hija l-estrazzjoni ta’ platelets mid-demm li hija magħrufa bħala plateletpheresis. Il-plateletpheresis huwa l-proċess ta ‘estrazzjoni tal-platelets mid-demm sħiħ. Dan jista’ jsir fil-laboratorju iżda jista’ jsir ukoll bħala tip speċifiku ta’ donazzjoni fiċ-ċentru tad-demm. Din tissejjaħ Donazzjoni tal-Platelets.

Plateletpheresis fil-Laboratorju

Il-platelets jistgħu jinġabru fil-laboratorju minn demm sħiħ miġbur dak il-ħin. Jeħtieġ 5 boroż tad-demm tal-istess grupp biex tagħmel unità waħda jew borża tal-platelets. Dawn huma magħrufa bħala pooled platelets.

Tipi tad-Demm

Il-filmat t’hawn taħt minn you tube jispjega t-tipi tad-demm. Huwa interessanti, jekk jogħġbok araha.