Jekk jogħġbok innota li minħabba żviluppi kliniċi kontinwi ,id-determinazzjoni finali tal-eliġibilità dejjem tiġi deċiża mill-persunal mediku fis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Wara li taqra dan ta’ hawn taħt ġentilment ikklikkja hawn biex taqra aktar linji gwida ta’ eliġibilità fir-rigward tal-Covid-19.

IDENTIFIKAZZJONI

Identifikazzjoni b’karta tal-identità Maltija, Liċenzja tas-Sewqan Maltija jew Passaport Malti, Karta ta’ Residenza elettronika għall-barranin jew Karta Diplomatika f’każi ta’ diplomatiċi.

ETÀ

Biex wieħed ikun eliġibbli biex jagħti donazzjoni għall-ewwel darba, irid ikun bejn 17-il sena u 65 sena;

Persuni ta’ 17-il sena jitħallew jagħtu donazzjoni bil-kunsens tal-ġenitur/kustodju legali. Din il-formola trid timtela u tkun iffirmata kif suppost mill- ġenituri jew il-kustodji legali. Formola ġdida ta’ kunsens trid tiġi ppreżentata mid-donatur kull darba li jiġi biex jagħti d-demm sakemm jagħlaq 18-il sena.

Donaturi regolari ‘l fuq minn 65 sena u sa għeluq is-70 sena tagħhom jistgħu jagħtu donazzjoni, iżda l-intervalli bejn id-donazzjonijiet m’għandhomx jaqbżu sena. Donaturi ġodda ‘l fuq minn 65 sena mhumiex aċċettati.

PIŻ

Il-piż minimu meħtieġ biex tagħti d-demm huwa ta’ 50kg.
Fil-każ ta’ donaturi nisa li jiżnu bejn 50kg u 65kg, il-piż minimu meħtieġ jiġi kkalkulat skont it-tul tad-donaturi biex jiġi żgurat li jkun hemm volum totali suffiċjenti tad-demm.

FREKWENZA TAD-DONAZZJONI

In-nisa jistgħu jagħtu donazzjoni kull erba’ xhur;
L-irġiel jistgħu jagħtu donazzjoni kull tliet xhur;
Nisa li jkunu wara l-menopawsa (l-ebda mestrwazzjoni għas-sena ta’ qabel) jistgħu wkoll jagħtu donazzjoni kull tliet xhur.

SAĦĦA

Id-donatur għandu jkun ġeneralment b’saħħtu u dan l-aħħar ma batix minn ebda mard serju.

Persuni fuq medikazzjoni għandhom jippreżentaw l-ismijiet tal-medikazzjoni lit-tabib (huwa rakkomandabbli li individwi fuq medikazzjoni l-ewwel iċemplu fuq freephone: 8007 4313 jew fuq 2206 6201 biex jitkellmu ma’ wieħed mit-tobba tagħna).

Persuni li twieldu f’pajjiżi fejn il-malarja hija endemika ma jistgħux jagħtu d-demm (wieħed jista’ jkellem lit-tobba tagħna billi jċempel 8007 4313 jew 2206 6201 għal parir).

SCREENING MEDIKU

Kwestjonarju mediku jiġi diskuss u mimli mal-uffiċjal mediku biex jiġi determinat jekk wieħed jistax jagħti donazzjoni jew le. Dan isir taħt kunfidenzjalità stretta, peress li l-onestà tad-donatur hija importanti ħafna.

Kun Ippreparat

Grazzi tal-interess tiegħek fl-għoti tad-demm.

Dawn li ġejjin huma xi linji gwida li d-donaturi għandhom ikunu jafu jew jagħmlu qabel ma jattendu xi ċentru tad-donazzjoni tad-demm.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-proċess ta ‘donazzjoni tad-demm mhux trawmatiku fuq ġisem uman b’saħħtu, għalhekk jekk tiddeċiedi li tagħti donazzjoni, sempliċement trid tirrilassa u teħodha bil-mod għax huwa proċess sempliċi.

Jekk tħossok ma tiflaħx jew tkun marid

Jekk għandek id-deni, uġigħ fil-griżmejn jew sintomi li jixbhu l-influwenza (jew kellek dawn is- sintomi fl-aħħar ġimagħtejn), jew sofrejt minn dijarea (fl-aħħar 4 ġimgħat), għandek tevita li tiġi biex tagħti d-demm.

Jekk qed tirċievi xi trattament, aħna nagħtuk parir biex tikkuntattja lit-tobba tal-NBTS biex tiddiskuti magħhom jekk intix eliġibbli għal donazzjoni jew le.

Ħwejjeġ

Evita li tilbes ħwejjeġ issikkati madwar għonqok, qaddek u dirgħajk meta tiġi biex tagħti d-demm.

Id-donaturi huma mħeġġa biex jilbsu ħwejjeġ xierqa, bħal flokk b’komma qasira (taħt ħwejjeġ oħra fix-xitwa). Dan jiffaċilita l-kejl xieraq tal-pressjoni tad-demm u l- għoti sussegwenti tad- demm.

Ikel u Xorb

Kun żgur li ħadt kolazzjon jew ikla bnina qabel ma tiġi. Id-demm m’għandu qatt jingħata fuq stonku vojt peress li tista’ tħossok xi ftit sturdut.

Jekk jogħġbok evita li tiekol ikel xaħmi bħal pizez, pastizzi u junk food, qabel ma tagħti d-demm.

Importanti ħafna li tibda tixrob qabel tiġi biex tagħti d-demm, preferibbilment l-ilma. L-alkoħol m’għandux jiġi kkunsmat dakinhar tad-donazzjoni.

Aħna noffru ikel u xorb lil kull min jattendi u nenfasizzaw il-fatt li d-donaturi għandhom jieħdu dak kollu li għandhom aptit jieklu jew jixorbu qabel ma jagħtu d -demm, għalhekk jekk jogħġobkhom ħudu kemm tridu!!

L-istaff dħuli tagħna se jipprova jġiegħlek tħossok komdu kemm jista’ jkun matul il-proċess, allura jekk jonqsok xi ħaġa, sempliċement għandek issaqsi.

Twelled

Jekk wellidt, ħalli 6 xhur wara l-ħlas qabel tiġi biex tagħti d-demm. Ommijiet li qed ireddgħu huma avżati biex ma jagħtux id-demm mill-inqas 3 xhur wara li jieqfu. Jekk il-livell tal-emoglobina huwa aċċettabbli, allura d-donatur tista’ tagħti d-demm.

Tatwaġġ u Piercing tal-Ġisem

Jekk għamilt tattoo jew xi body piercing dan l-aħħar, ħalli 4 xhur minn meta sar qabel ma tiġi biex tagħti d-demm.

Eżamijiet

Jekk qed tippjana li tagħmel xi eżamijiet, għandek tipposponi d-data biex tiġi tagħti d-demm sakemm tkun lestejt.

Oħrajn

Huwa rakkomandabbli li ma tagħtix id-demm wara xogħol ta’ bil-lejl.

Covid-19

Jekk jogħġbok ikklikkja hawn biex taqra aktar linji gwida dwar l-eliġibilità fir-rigward tal-Covid-19

Ċentri ta’ Ġbir

Id-demm jista’ jingħata f’dawn iċ-ċentri tal-ġbir tad-demm.

Wara d-Donazzjoni

Ix-xorb

Kun żgur li tibqa’ tixrob regolarment għall- bqija tal- ġurnata. Matul is-sajf wieħed jeħtieġ aktar sostituzzjoni ta’ fluwidu minħabba t-temp sħun.

L-alkoħol m’għandux jiġi kkunsmat għall-bqija tal-ġurnata.

L-Isports

Fil-jum tad-donazzjoni tiegħek, evita attività ta’strapazz eż. mixi mgħaġġel jew ġiri, evita l-irfigħ tal-piżijiet għall-ewwel 3 ijiem wara d-donazzjoni.

Evita li tgħum jew toqgħod fix-xemx.

Tmurx scuba diving għal 3 ijiem wara l-għoti tad-demm.

Is-Safar

Jekk trid tagħti d-demm qabel ma ssiefer kun żgur li tiġi mill-inqas 3 ijiem qabel it-titjira.

Jekk kellek xi tilqim reċentement inti avżat biex tikkuntattja lit-tobba tal-NBTS biex tiddiskuti magħhom jekk intix eliġibbli jew le qabel ma tiġi biex tagħti d-demm.

Jekk vvjaġġajt matul is-sena li għaddiet huwa rakkomandabbli li tikkuntattjana fuq 2206 6201 jew 7930 7307 jew fuq il-free phone 8007 4313 qabel ma tiġi biex tagħti d-demm.

Oħrajn

Dakinhar tad-donazzjoni tużax makkinarju tqil, evita li tagħmel xogħol tad-dar inkluż il-mogħdija u evita li titla’ fuq sellum.

Evita t-tipjip matul l-ewwel sagħtejn wara li tagħti d-demm.

Sib ftit ħin għalik innifsek biex tirrilassja, għax ħaqqek . Ġismek għandu bżonn ftit ħin biex jimla d-demm li tajt. Trid tixrob ħafna biex tissostitwixxi l-volum mogħti. Matul is-sajf wieħed irid iżomm f’moħħu li għandu bżonn aktar sostituzzjoni tal-fluwidu minħabba t-temp sħun.

Għal aktar informazzjoni tista’ taqra il-kwestjonarju u l-FAQ’s tagħna jew tista’ ċċemplilna fuq 7930 7307 jew 2206 6201 jew fuq il-freephone 8007 4313

Għandek tħossok kuntent bik innifsek, għaliex għadek kif issalvajt ħajja.

Ikklikkja hawn biex tara l-Proċess tad-Donazzjoni