Platelets Donations

Il-plejtlits jistgħu jinġabru jew minn persuna waħda – single donor platelets- jew jistgħu jinġabru minn 5 buffy coats differenti biex jagħmlu borża waħda tal-plejtlets.

Plejtlits miġbura flimkien (Pooled Platelets)

Tip ieħor ta’ komponent tal-plejtlits jissejjaħ ‘pooled platelets’. Meta d-donaturi jagħtu d-demm sħiħ (WB), dan jittieħed fil-laboratorji tagħna għall-ipproċessar. Il-borża hija maqsuma f’ċelluli ħomor, buffy coat (plażma b’ ħafna plejtlits) u plażma u kull wieħed huwa komponent uniku għal skopijiet ta’ trasfużjoni. Il-buffy coat huwa fejn jinstabu l-plejtlits. Ħames buffy coats bħal dawn (tal-istess grupp tad-demm ABO u RhD) huma ‘magħqudin’ flimkien biex jiffurmaw unità waħda ta’ ‘pooled platelets’ (billi l-plejtlits huma derivati minn donaturi differenti). Allura, fir-realtà, aħna lkoll donaturi tal-plejtlits!

Plejtlets ta’ Donatur Uniku

Il-plejtlits jistgħu jinġabru direttament minn donatur permezz ta’ magna speċifika. Din il-magna tiġbor demm sħiħ f’ġibjun speċjali u tissepara l-plejtlits mill-bqija tad-demm permezz taċ – ċentrifugazzjoni. Il-plejtlits jinġabru u jinħażnu f’borża speċjali li tippermetti l-iskambju tal-gass, filwaqt li l-bqija tad-demm (jiġifieri ċ-ċelluli ħomor u l-plażma) jingħataw lura lid-donatur. Dan jikkostitwixxi ċiklu wieħed. Biex tagħmel unità waħda ta’ plejtlits il-magna twettaq 6-8 ċikli u kull wieħed idum madwar 10 minuti. Din l-unità ta’ plejtlits hekk miġbura tissejjaħ ‘plejtlits minn donatur uniku’ peress li, kif jimplika l-isem, il-plejtlits huma derivati minn donatur wieħed biss.

Għal xiex jintużaw il-pooled u s-single donor plejtlits (SDP)

Il-plejtlits huma parti importanti mill-mod kif jagħqad id-demm tagħna biex jipprevjenu l-fsada. Il-komponenti tal -plejtlits huma għalhekk trasfużi biex jittrattaw jew jipprevjenu l-emorraġija. Minbarra pazjenti b’telf kbir ta’ demm, l-akbar grupp ta’ pazjenti li jeħtieġu trasfużjonijiet ta’ plejtlits (fuq bażi regolari) huma dawk b’tumuri malinni ematoloġiċi. Pazjenti li jbatu minn lewkimja u kanċers oħra tad-demm jistgħu jesperjenzaw tnaqqis kbir fin-numru ta’ plejtlits fiċ-ċirkolazzjoni tagħhom (platelet count). Jekk dan l-ammont jonqos għal dawn il-livelli baxxi ħafna, il-pazjenti jistgħu jitilfu d-demm mill-ħanek u minn taħt il-ġilda. Emorraġija aktar severa wkoll tista’ sseħħ u din tista’ saħansitra tkun fatali; għalhekk l-importanza tat-trasfużjonijiet tal-plejtlits f’dan il-grupp ta’ pazjenti.

Min jista’ jagħti l-plejtlits?
Id-donaturi tal-plejtlits jintgħażlu minn fost donaturi regolari tad-demm sħiħ. Id-donatur jeħtieġ li jissodisfa kriterji speċifiċi sabiex jiġi reklutat bħala donatur ‘SDP’. Dawn jinkludu dawn li ġejjin:

Id-donatur għandu jkun donatur regolari, jiġifieri li diġà ta demm sħiħ mill-inqas darba. Donaturi tad-demm għall-ewwel darba mhumiex permessi li jagħtu l-plejtlits, peress li l-vini tad-donaturi għandhom jiġu evalwati biex jiġi żgurat li huma adegwati għad-donazzjoni tal-plejtlits (irreferi għall-punt li ġej). Barraminnhekk, jekk donatur ma jistax jittollera donazzjoni ta’ demm sħiħ, hu/hi ma jiġix magħżul bħala donatur tal-plejtlits, peress li d-donazzjoni tal-plejtlits tieħu aktar ħin u huwa aktar probabbli li d-donatur ibati minn reazzjoni avversa.

Id-donatur irid ikollu vini ‘adattati’: Peress li l-magna tiġbed u tirritorna lura lid-donatur ammont konsiderevoli ta’ demm, jeħtieġ li l-vina tkun ta’ ċertu kalibru (bejn wieħed u ieħor daqs is-saba’ ż-żgħir!). Din hija preferibbilment vina ċentrali, wiesgħa u dritta bħall-median cubital vein.

Prerekwiżit ieħor biex tkun reklutat bħala donatur tal-plejtlits huwa li jkollok numru adegwat ta’ plejtlits, li jiġi ttestjat billi jsir test tad-demm (Complete Blood Count – CBC) fiċ-Ċentru tad-Donazzjoni tagħna.

Minħabba n-natura tat-talbiet għal komponenti ta’ plejtlits minn donatur wieħed (li normalment ma jistgħux jiġu ppjanati minn qabel peress li jiddependi fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti), dawn id-donaturi għandhom ikunu disponibbli biex jattendu sessjoni ta’ donazzjoni meta jkunu meħtieġa. Raġuni oħra għaliex id-donaturi huma mitluba jagħtu donazzjoni fuq avviż daqshekk qasir hija li l-komponenti tal-plejtlits għandhom shelf-life ta’ 5 ijiem biss (li tagħmilha impossibbli biex jinħażnu dawn it-tipi ta’ donazzjonijiet).

Irġiel vs nisa: Nisa li xi darba kienu tqal mhumiex reklutati bħala donaturi SDP. Matul it-tqala, jistgħu jiġu ffurmati ċerti proteini (imsejħa antikorpi) u filwaqt li dawn ma jikkawżawx l-ebda ħsara lill-mara, m’għandhomx jgħaddu lil pazjenti oħra permezz ta’ trasfużjoni. Għal din ir-raġuni, NBTS ikollu aktar donaturi SDP maskili fuq il-panel.

Trasfużjoni preċedenti: L-antikorpi msemmija hawn fuq jistgħu wkoll jiżviluppaw potenzjalment wara trasfużjoni, u għalhekk donaturi li jkunu ġew trasfużi qabel ukoll ma jiġux reklutati bħala donaturi SDP.

Il-proċedura ta’ aferesi tieħu aktar ħin minn donazzjoni tad-demm sħiħ. Id-donaturi tagħna tal-SDP huma ddedikati ħafna għas-servizz u għall-pazjenti għaliex huma lesti li jgħaddu mill-proċedura fi kwalunkwe ħin li din tkun meħtieġa.

Kemm hija sigura d-donazzjoni tal-plejtlits?
Il-proċedura tad-donazzjoni tal-plejtlits hija waħda komuni ħafna u ssir kważi kuljum (skond id-domanda). Ir-riskji għad-donatur huma negliġibbli: l-istaff tagħna huwa mħarreġ ħafna biex jiżgura l-kumdità u s-sigurtà tad-donatur ( dan jibda mill-ewwel meta donatur jiġi rreklutat); il-magna użata għall-ġbir hija mgħammra b’ditekters sensittivi ħafna u parametri ta’ monitoraġġ (biex jiżguraw is-sigurtà tad-donaturi); u finalment, bħal fil-prattiki kollha tagħna fl-NBTS, is-sett tal-ġbir tal-plejtlits huwa sterili u li jintremew (li jintuża darba biss).