Id-demm huwa l-fluwidu li jsostni l-ħajja, ippumpjat mill-qalb fil-arterji, vini u kapillari kollha. Dan jammonta għal madwar 7% tal-piż totali tal-ġisem tal-bniedem.

Formed Elements of Blood

Funzjonijiet tad-demm:

Trasport:-

  • Tal-ossiġenu mill-pulmuni għaċ-ċelloli tal-ġisem u dijossidu karboniku miċ-ċelloli għall-pulmuni.
  • Tan-nutrijenti mill-passaġġ gastrointestinali għaċ-ċelloli tal-ġisem.
  • Tal-ormoni mill-glandoli endokrinali għaċ-ċelloli tal-ġisem.
  • Tas-sħana li tirregola t-temperatura tal-ġisem.
  • Tal-prodotti tal-iskart, bħal ilma żejjed, ‘l bogħod miċ-ċelloli.

Biex Jirregola:-

  • Il-bilanċ tal-elettroliti (jiġifieri sustanza li fiha ions ħielsa, li jaġixxi bħala medium li hu elettrikament konduttiv).
  • Jgħin biex jirregola l-pH.

Protezzjoni:-

  • Ċertu ċelluli tad-demm jipproteġu kontra t-telf tad-demm (mekkaniżmu li jgħaqqad id-demm).
  • Il-lewkoċiti jipprovdu immunità kontra l-infezzjoni.

Kompożizzjoni tad-Demm

Id-demm huwa magħmul minn żewġ partijiet ewlenin li huma l-parti likwida u dik mhix likwida. Il-parti likwida hija l-plażma filwaqt li l-parti mhux likwida hija magħmula minn tipi differenti ta’ ċelluli, bħal ċelluli ħomor tad-demm, ċelluli bojod tad-demm u plejtlits.

Demm Separat

Blood Composition

Jekk jittieħed kampjun tad-demm f’test tube li fih anti-koagulant (kimika li tipprevjeni t-tagħqid tad-demm) u tpoġġih f’ċentrifuga, iċ-ċelloli joqgħodu fil-qiegħ tat-test tube minħabba li huma itqal u l-plażma toqgħod fuq nett peress li hija eħfef. Bħala medja, aktar minn 99% taċ-ċelluli tad-demm huma ċelluli ħomor imsejħa wkoll eritroċiti. Dawn jammontaw għal madwar 45% tal-volum totali tad-demm filwaqt li l-plażma tikkostitwixxi l-55% li jifdal. Iċ-ċelluli bojod tad-demm jew lewkoċiti u l- plejtlits jikkostitwixxu inqas minn 1% tal-volum totali tad-demm. Dawn jiffurmaw saff irqiq bejn il-plażma u l-eritroċiti magħruf bħala l-buffy coat.

Il-plażma hija l-porzjon fluwidu isfar ċar tad-demm sħiħ li jikkonsisti f’ilma, zokkor, xaħam, proteini, potassju u melħ tal-kalċjum. Fih ukoll ħafna kimiċi bħall-fibrinoġen, li jgħinu lid-demm jifforma emboli li huma meħtieġa biex iwaqqafu it- telf tad-demm. Aktar minn 92% tal-plażma hija ilma.

Ċelluli

L-organiżmi ħajjin kollha huma magħmula minn unitajiet żgħar imsejħa ċelluli. ‘Iċ-ċelluli huma kompartimenti żgħar li għandhom ir-rekwiżiti bijoloġiċi kollha meħtieġa biex iżommu l-organiżmu ħaj u b’saħħtu fid-Dinja’.

Iċ-ċelluli tad-demm qed imutu kontinwament u jiġu sostitwiti fi żmien sigħat, jiem jew ġimgħat. Dan il-proċess, fejn iċ-ċelluli tad-demm jiġu ffurmati fil-mudullun u meqruda mill-milsa jissejjaħ ematopoiesi (mill-Grieg Antik: haema tfisser ‘demm’ u poiesis tfisser ‘tagħmel’).

Id-dijagramma ta’ hawn taħt turi kif iċ-ċelloli tad-demm joriġinaw mill-mudullun u jiżviluppaw u jimmaturaw f’ħames tipi ta’ ċelluli:-

  • L-eritroblast jifforma eritroċiti maturi
  • Il-majeloblast jifforma n-newtrofili, il-basofili u l-eosinofili maturi.
  • Il-monoblast jifforma l-monoċiti maturi.
  • Il-megakarjoblast jifforma l-plejtlits maturi.
  • Il-limfoblast jifforma l-limfoċiti maturi.

L- Ematopoiesi

Hematopiesis

Ċelluli Ħomor tad-Demm (Eritroċiti)

Iċ-ċelluli ħomor tad-demm huma diski ċirkolari, bikonkavi u mhux nukleati. Fihom l-emoglobina, li hija l-aktar komponent importanti taċ-ċelluli ħomor tad-demm. L-emoglobina hija proteina kumplessa, li tikkonsisti minn globina u sustanza li fiha l-ħadid li hi msejħa haem, li tingħaqad mal-ossiġnu biex tifforma l-ossiemoglobina. B’dan il-mod, iċ-ċelluli ħomor tad-demm jittrasportaw l-ossiġenu mill-pulmuni għat-tessuti. L-eritroċiti huma involuti wkoll fit-trasport ta’ prodotti ta’ skart u dijossidu karboniku miċ-ċelluli tal-ġisem għall-pulmun biex jitneħħew mill-ġisem. L-emoglobina hija wkoll responsabbli għall-kulur aħmar fiċ-ċelluli ħomor tad-demm. L-eritroċiti ġeneralment jgħixu għal 120 jum qabel ma jinqerdu u jiġu ffurmati ċelluli ħomor ġodda.

Bażofili

Dawn jirrappreżentaw 0.5% taċ-ċelluli bojod tad-demm. Il-bażofili huma l-iżgħar granuloċiti li jiċċirkolaw u fihom l-eparina u l-istamina. In-numru ta’ bażofili jiżdied waqt l-infezzjoni. Jakkumulaw fis-sit ta’ infezzjoni jew infjammazzjoni oħra, fejn inixxu l-istamina u dan iżid l-fluss tad-demm lejn iż-żona infettata. Imbagħad, jassistu l-moviment tal-fagoċiti u sustanzi protettivi bħal antikorpi lejn l-ispazju intraċellulari tat-tessuti, fejn jakkumulaw f’żoni ta’ infjammazzjoni fl-istadju tal-fejqan.

Eosinofili

Dawn jammontaw għal 1.5% tan-numru totali taċ-ċelluli bojod. Dawn iċ-ċelluli jemigraw lejn iż-żona tal-ġisem fejn ikunu esposti għall-ambjent estern, jiġifieri eżatt taħt il-ġilda, fil-membrana mukuża tas-sistema respiratorja u diġestiva u fil-kisja tal-vaġina u l-utru. Huma għandhom ukoll proprjetajiet kontra l-istamina. Fil-fatt, in-numru ta’ eosinofili jiżdied f’kundizzjonijiet allerġiċi bħal ażma, hay fever, sensittività għall-ikel u għall-mediċina u kundizzjonijiet tal-ġilda.

Newtrofili (Fagoċiti)

Dawn jikkostitwixxu 70% tan-numru totali taċ-ċelluli bojod. Il-funzjoni ewlenija tagħhom hija li jipproteġu kontra kwalunkwe materjal barrani li jidħol fil-ġisem tal-bniedem u li jneħħu materjali ta’ skart. Meta jkun hemm żona infettata fil-ġisem, jemigraw lejn iż-żona fi kwantitajiet kbar fejn jassorbu u joqtlu l-mikrobi permezz ta’ proċess magħruf bħala ‘phagocytosis’.

In-numru ta’ newtrofili jiżdied wara eżerċizzju intens u fi stadji aktar avvanzati tat-tqala normali.

Monoċiti

Il-monoċiti huma ċelluli mononukleari kbar li għandhom nukleu f’forma ta’ fażola. Dawn jikkostitwixxu 4% tan-numru totali taċ-ċelluli bojod tad-demm. Il-monoċiti għandhom rwol li hu attivament fagoċitiku u jassorbu l-batterja. Il-monoċiti jistgħu jemigraw mal-fluss tad-demm għal żoni ta’ infjammazzjoni fil-ġisem fejn jiżviluppaw f’’makrofaġi’. Jekk jiltaqgħu ma’ ammonti kbar ta’ kontaminazzjoni minn barra s-sistema jew ma’ skart, għandhom it-tendenza li jimmultiplikaw fis-sit u jiżolaw ż-żona billi jifformaw ‘ħajt’.

Plejtlits (Tromboċiti)

Il-plejtlits huma biċċiet taċ-ċelluli trasparenti u b’forma irregolari marbutin b’membrana, mingħajr nukleu u ffurmati minn ċelluli kbar tal-mudullun imsejħa megakaryocytes. Il-funzjoni ewlenija tagħhom huwa li jinbeda l-mekkaniżmu tat-tagħqid tad-demm. It-tul tal-ħajja tagħhom fiċ-ċirkolazzjoni huwa ta’ madwar 8 sa 11-il jum.

Limfoċiti

Dawn huma ċelluli mononukleari kbar li huma ttundjati u għandhom biss kwantità żgħira ta’ ċitoplasma. Fl-adulti jikkostitwixxu 24% taċ-ċelluli bojod tad-demm. Il-limfoċiti huma assoċjati mal-protezzjoni tal-ġisem kontra materjal barrani. Hemm żewġ tipi ta’ limfoċiti, il-Limfoċiti T u l-Limfoċiti B.

Id-dijagramma t’hawn taħt turi ċ-ċelluli bojod tad-demm b’mod aktar simplifikat.

Leukocytes

Lewkoċiti Agranulari (Lewkoċiti Mononukleari)
Dawn iċ-ċelluli m’ għandhom l-ebda granuli fiċ-ċitoplasma tagħhom u għandhom nukleu jew ovali jew f’forma ta’ fażola. Hemm 2 tipi:- Monoċiti u limfoċiti.

Granuloċiti (Lewkoċiti Polimorfonukleari)

Dawn iċ-ċelluli joriġinaw fil-mudullun l-aħmar. L-ismijiet tagħhom jirrappreżentaw iż-żebgħa li jassorbu meta jiġu mtebbgħin fil-laboratorju. Dawn huma:-

  • L-eosinofili jieħdu żebgħa ħamra, eosina.
  • Il-bażofili jieħdu l-methylene blue alkalin.
  • In-newtrofili huma vjola għax jieħdu ż-żewġ żebgħat.

Iċ-Ċirkolazzjoni tad-Demm

Dawn iċ-ċelluli msemmija hawn fuq jiffurmaw id-demm li jiċċirkola madwar il-ġisem permezz tal-vini tad-demm. Il-vini tad-demm jiffurmaw sistema magħluqa ta’ tubi li ġġorru d-demm ‘il bogħod mill-qalb fl-arterji, jittrasportah lejn l-organi u t-tessuti differenti tal-ġisem f’arterioli, kapillari u venules u mbagħad jerġa’ jittrasportah lura lejn il-qalb fil-vini.

Circulation

L-arterji jittrasportaw d-demm b’ħafna ossiġnu li l-qalb tippompja madwar il-ġisem. Il-qalb tippompja d-demm ‘il barra minn arterja prinċipali waħda, li tinfirex f’arterji iżgħar imsejħa arterioli. Hekk kif l-arterioli jidħlu f’tessut, huma jinfirxu f’għadd ta’ kanali mikroskopiċi msejħa kapillari. Is-sustanzi jiġu skambjati bejn id-demm u t-tessuti tal-ġisem permezz tal-ħitan irqaq tal-kapillari. Qabel ma jħallu t-tessuti, gruppi ta’ kapillari jingħaqdu biex jiffurmaw vini żgħar imsejħa venules. Dawn ikomplu jingħaqdu biex jiffurmaw kanali tad-demm akbar imsejħa vini.

Il-vini mbagħad iwasslu d-demm mit-tessuti lura lejn il-qalb. Dawn fihom valvi li jippermettu moviment f’direzzjoni waħda biss, biex iżommu d-demm jiċċirkola lejn il-qalb, anke kontra l-ġibda tal-gravità. Minħabba li d-demm fil-vini fih nuqqas kbir ta’ ossiġnu, jidher blu aktar milli aħmar. Huwa għalhekk li l-vini li tista’ tara minn ġol-ġilda tiegħek (pereżempju, fin-naħa ta’ taħt tal-polz) huma blu.

Id-Donazzjoni tad-Demm

Dan id-demm li jmur fil-vini tagħna huwa tant speċjali li huwa imprezzabbli, iżda lkoll għandna ammonti adegwati minnu. Agħti ħarsa biex tara jekk intix eliġibbli jew le biex tkun wieħed mid-donaturi tad-demm prezzjużi tagħna, billi tikklikkja hawn.

L-Ittestjar tad-Donazzjonijiet tad-Demm

It-Tip tad-demm

Id-demm jiġi ttestjat biex jiġi determinat il-grupp tad-demm ABO tad-donatur (A, B, O, AB) kif ukoll it-tip Rh (pożittiv jew negattiv). Dan huwa kritiku fl-għażla tad-demm kompatibbli għal pazjent li għandu bżonn trasfużjoni.

Test għall-Preżenza ta’ Antikorpi

Id-donaturi kollha jiġu ttestjati biex jiġi ddeterminat jekk il-plażma tagħhom ikunx fih antikorpi għall-antiġeni taċ-ċelluli ħomor tad-demm. Jekk dawn l-antikorpi ma jiġux identifikati, jistgħu jikkawżaw problemi għall-pazjent.

Testijiet għal Mard Infettiv

L-iscreening tad-donazzjonijiet tad-demm għal mard infettiv li jista’ jiġi trażmess permezz ta’ trasfużjoni tad-demm huwa importanti ħafna biex tiġi żgurata s-sigurtà. Test ta’ screening pożittiv fi kwalunkwe mit-testijiet għal mard infettiv huwa segwit minn test konfermatorju biex tiġi eliminata l-possibbiltà ta’ riżultat ta’ test pożittiv falz. Dan iseħħ meta t-test tal-iscreening ikun pożittiv iżda ma jistax jiġi kkonfermat waqt testijiet sussegwenti u aktar dettaljati. Dan ifisser li donatur ma kienx espost għall-aġent infettiv li qed jiġi ttestjat għalih, iżda li t-test tal-iscreening kien pożittiv.

Antiġen tal-wiċċ tal-epatite B (HBsAg) u Antikorpi tal- qalba ta’ ġewwa (Anti-HBc)

Il-virus tal-epatite B għandu qalba ta’ ġewwa u envelop ta’ barra (il-wiċċ). It-test HBsAg jittestja għall-envelop ta’ barra jew il-wiċċ tal-virus. It-test anti-HBc jittestja għall-preżenza ta’ antikorpi għall-qalba ta’ ġewwa tal-virus tal-epatite B. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe test pożittiv ieħor għall-epatite B, il-preżenza ta’ antikorpi għall-HBc tissuġġerixxi li l-individwu seta’ kellu esponiment fil-passat għall-virus tal-epatite B u huwa improbabbli li hu/hi jkun infettiv.

Antikorpi tal-Virus tal-Epatite Ċ (Anti-HCV) u Test għall-Aċidu Nuklejku (NAT)

Isiru żewġ testijiet biex tiġi identifikata l-infezzjoni tal-epatite Ċ. It-test tal-HCV jittestja għal-antikorpi għall-virus tal-epatite Ċ. Riżultat pożittiv jissuġġerixxi li d-donatur kien espost għall-virus tal-epatite Ċ u jista’ jkun infettiv. It-tieni test jiskopri l-RNA, il-materjal ġenetiku tal-virus tal-epatite Ċ.

Antikorpi għas-Sifilis

It-testijiet tas-sifilis jfittxu għall-preżenza ta’ antikorpi għall-organiżmu Treponema pallidum li jikkawża s-sifilis. Ir-riskju li tittrażmetti s-sifilis permezz ta’ trasfużjoni tad-demm illum huwa żgħir ħafna peress li r-rata ta’ infezzjoni hija baxxa fid-donaturi tad-demm u l-organiżmu li jikkawża din il-marda huwa fraġli ħafna u mhux probabbli li jgħix meta d-demm jinħażen.

l-Ittestjar għal-Antikorpi Combo tal-Virus tal-Immunodefiċjenza tal-Bniedem 2 (HIV-1/2) u għall-Amplifikazzjoni tal-Aċidu Nuklejku (NAT)

Il-virus HIV-1 u/jew HIV-2 jikkawżaw is-sindromu ta’ immunodefiċjenza akkwistata, jew AIDS. HIV-1 huwa aktar komuni fil-Punent filwaqt li HIV-2 huwa prevalenti fl-Afrika. Isiru żewġ testijiet biex jinstab l-HIV. Wieħed jittestja għall-antikorpi kemm għall-viruses HIV-1 kif ukoll dak tal- HIV-2. L-ieħor jittestja għall-RNA, il-materjal ġenetiku tal-virus HIV-1.

Trasfużjoni tad-Demm

Id-demm jintuża għat-trattament f’varjetà ta’ settings kliniċi inklużi kirurġija, trawma, kimoterapija tal-kanċer u mard tad-demm (eż sickle cell disease u talassemija). Filwaqt li ċ-ċelluli ħomor tad-demm, il-komponent l-aktar trasfuż, jintużaw biex jikkoreġu l-anemija (kwantità baxxa ta’ ċelluli ħomor tad-demm), il-komponenti tal-plejtlits u tal-plażma jintużaw biex jikkuraw disturbi ta’ telf ta’ demm, jew biex iwaqqfu aktar telf ta’ demm jew biex inaqqsu dan ir-riskju waqt il-kirurġija.

Ħafna kirurġiji llum jistgħu jsiru b’mod sigur mingħajr l-użu tad-demm, kirurġiji tal-ftuq u tal-marrara huma biss żewġ eżempji. Ħafna drabi, meta pazjenti li jkunu qed jagħmlu kirurġiji bħal dawn meqjusa relattivament ‘minuri’ ma jinteħidx it-tip tad-demm tagħhom, iżda dan jitħalla għad-diskrezzjoni tal-kirurgu. Għal kirurġiji aktar kumplessi fejn it-telf tad-demm huwa mistenni li jkun sinifikanti, ammont stabbilit ta’ demm huwa normalment riservat għall-pazjent ibbażat fuq l-ammont medju ta’ demm użat għal dak it-tip ta’ kirurġija mwettqa fl-isptar.

Każijiet ta’ open heart, bypass ta’ anewriżmu aortiku, tumur tal-moħħ u sostituzzjoni tal-ġogi ortopediċi (jiġifieri, sostituzzjoni tal-ġenbejn) huma eżempji ta’ kirurġiji li normalment jeħtieġu appoġġ ta’ trasfużjoni tad-demm. Il-kirurġija tat-trapjant tal-organi, imwettqa fi sptarijiet aktar speċjalizzati, teħtieġ ukoll appoġġ konsiderevoli permezz tat-trasfużjoni tal-komponenti tad-demm. Għal xi tipi ta’ kirurġija elettiva bħal sostituzzjoni tal-ġogi ortopediċi, jista’ jkun mixtieq li l-pazjent jagħti d-demm tiegħu stess minn qabel (jiġifieri, donazzjoni awtologa tad-demm).

Il-kirurgi għandhom ukoll jinnotifikaw lill-bank tad-demm tal-isptar jekk huma antiċipati xi bżonnijiet speċjali, bħal trasfużjoni ta’ plejtlits jew plażma, sabiex il-bank tad-demm ikun jista’ jipprepara dawn il-komponenti fil-ħin. (Plażma ffriżata, pereżempju, teħtieġ 30-40 minuta biex iddub). Madankollu, irrispettivament mit-tip ta’ kirurġija, peress li dejjem hemm il-ħtieġa potenzjali għad-demm, huwa importanti li l-banek tad-demm tal-isptarijiet jinfurmaw lill-kirurgi u lit-tobba l-oħra dwar l-istat tal-provvista tad-demm peress li jista’ jkun meħtieġ li jiġu posposti proċeduri kirurġiċi elettivi waqt żminijiet ta’ nuqqas kbir ta’ demm.