Memorandum mal-Kunsilli Lokali

Ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Il-President tal-Assoċjazzjoni, is-Sur M. Fava, stqarr li politika ewlenija tal-Assoċjazzjoni hija li tagħti lura lill-komunità. Għalhekk, minħabba li d-domanda għad-donazzjonijiet tad-demm qed tiżdied, il-Kunsilli Lokali ġew imħeġġa biex jibdew jgħinu lid-Dipartiment Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm billi jippromwovu l-għoti tad-demm, l-aktar billi jorganizzaw gruppi ta’ nies biex jagħtu d-demm fis-siti ewlenin tal-ġbir f’Malta u Għawdex. Barra minn hekk, jistgħu jiġu organizzati sessjonijiet tal-għoti tad-demm fil-lokalità rispettiva tagħhom bħala parti mill-attivitajiet biex jitfakkar il-jum annwali tar-raħal. B’hekk se jinġabru aktar boroż tad-demm biex jgħinu lil dawk fil-bżonn. Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se tippremja lit-tliet Kunsilli Lokali bl-ogħla numru ta’ donazzjonijiet.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Dr Chris Fearne​ qal li d-donazzjoni tad-demm hija l-aqwa forma ta’ ġenerożità li ċittadin jista’ jipprovdi u li l-iffirmar ta’ dan il-Memorandum huwa pass ‘il quddiem biex tiġi promossa l-importanza tad-donaturi tad-demm fil-lokalitajiet tagħhom. Aqra aktar

Id-Direttur tad-Dipartiment Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, Dr Alex Aquilina, enfasizza l-ħtieġa u l-importanza li d-donazzjonijiet tad-demm għandhom ikunu altruisti u li ma jkollhomx forma ta’ kumpens; iżda jekk l-impjegati jingħataw konċessjoni ta’ sagħtejn biex imorru jagħtu d-demm ikun ta’ għajnuna biex jinġabar aktar demm. Aqra aktar