Ibda agħti d-demm billi tibbukkja l-appuntament tiegħek għad-donazzjoni tad-demm illum billi ċċempel fuq Free Phone 8007 4313.
B’hekk tkun qed tiżgura li l-isptarijiet ikollhom it-tip ta’ demm li għandhom bżonn għall-pazjenti tagħhom.
Għalhekk, tkun qed tgħin fil-ħin opportun lil dawk li huma fil-bżonn kbir tad-demm.
O Neg
Kont taf li d-donaturi tad-demm O Negattiv huma magħrufa bħala Donaturi Universali!
Dan għaliex id-donaturi tad-demm O Neg huma kompatibbli mat-tipi tad-demm tal-pazjenti l-oħra kollha. Minħabba dan il-fatt, f’każi ta’ emerġenza dan huwa l-ewwel demm li jista’ jingħata. Taf li 5.5% biss tal-popolazzjoni Maltija tagħti dan it-tip ta’ demm?
Mela jekk int tip tad-demm O Neg, kun kburi b’kemm tista’ ssalva ħajjiet. Agħmel xi ħaġa tal-għaġeb u ibda agħti d-demm prezzjuż tiegħek billi ssir donatur.
AB Poż
Għandek tip tad-demm AB Pożittiv? Int konxju li int Riċevitur Universali? Riċevitur Universali jfisser li dan it-tip ta’ demm jista’ jirċievi kwalunkwe donazzjoni peress li huma kollha kompatibbli ma’ AB Pożittiv.
Id-demm AB Poż huwa meħtieġ ħafna biex jingħata lil dawk li għandhom dan it-tip ta’ demm sabiex it-tipi l-oħrajn ikunu jistgħu jiġu riservati għall-grupp tad-demm korrispondenti tagħhom.
Id-demm AB pożittiv huwa meħtieġ ukoll għall-kontenut tal-plażma tiegħu. Il-plażma derivata minn demm AB pożittiv hija kompatibbli mat-tipi kollha tad-demm tal-pazjenti l-oħra. Minħabba dan il-fatt huwa meħtieġ ħafna f’każijiet ta ’emerġenza fejn hemm bżonn ta’ trasfużjonijiet li jeħtieġu hafna demm. 2.7% biss tal-popolazzjoni Maltija għandha dan it-tip tad-demm.
O Poż
Donatur tad-demm O pożittiv jista’ jagħti d-demm lill-pazjenti kollha tad-demm Rhesus Pożittiv, jiġifieri lil O Poż, A Poż, B Poż u AB Poż peress li dan it-tip ta’ demm m’għandux la antiġen A u lanqas B.
Dan it-tip tad-demm huwa t-tieni l-aktar komuni f’Malta- 38%, u jekk inti għandek dan it-tip ta’ demm, tassew għandna bżonn l-għajnuna tiegħek billi ssir donatur tad-demm.
B Poż
O Poż, O Neg, kif ukoll it-tipi tad-demm B Poż u B Neg jistgħu jingħataw lil Pazjent B Pożittiv peress li huma kompatibbli miegħu.
Id-donatur B Poż jista’ jgħin kemm lill-pazjenti AB Poż kif ukoll lil B Poż.
A Poż
A Pożittiv huwa l-aktar grupp tad-demm komuni f’Malta – 42%- u għalhekk l-aktar intużat. Madankollu, l-istokks ta’ dan it-tip ta’ demm jistgħu jkunu baxxi peress li d-demm A Poż jista’ jingħata lill-pazjenti kollha A Poż u AB Poż. Il-bank tad-demm tassew għandu bżonn dan it-tip ta’ demm biex ikun jista’ jgħin lil min għandu bżonnha mingħajr ma jbatti l-ħażniet tal-gruppi tad-demm l-oħra li huma kompatibbli ma’ dan it-tip ta’ demm.
Pazjent A Poż jista’ jirċievi demm minn tipi tad-demm A Poż, A Neg, O Poż u O Neg.
A Neg
Pazjent A Negattiv jista’ jirċievi demm minn A Neg u O Neg biss.
Donatur A Neg jista’ jgħin lil dawk il-pazjenti li huma A Neg, A Pos, AB Pos u AB Neg.
5.5% biss tal-popolazzjoni Maltija għandha dan it-tip ta’ demm.
B Neg
Pazjent B Neg jista’ jirċievi demm minn donatur O Neg u B Neg.
Kont taf li d-donaturi B Neg huma kapaċi jgħinu lil dawk il-pazjenti li għandhom tip ta’ demm B Neg, B Poż, AB Neg u AB Poż? 0.75% biss tal-popolazzjoni Maltija għandha dan it-tip tad-demm.
AB Neg
Pazjent AB Negattiv jista’ jirċievi demm minn donatur O Neg u AB Neg.
Donatur AB Neg jista’ jgħin lil dawk il-pazjenti li għandhom tipi tad-demm AB Neg u AB Poż. 0.33% biss tal-popolazzjoni Maltija għandha dan it-tip ta’ demm.